top of page

Il-Ħaddiem f’Qalbna... “jien wieħed minnkom”


Ippermettuli nibda billi nsellem lil tant ħaddiema li matul din l-aħħar sena sofrew billi tilfu xogħolhom, jew għal xi raġuni jew oħra naqsilhom id-dħul tant li l-kwalità tal-ħajja tagħhom u ta’ familthom marret lura. U propju huwa minn hawn li rrid inwegħedkom li jien, bħala parti minn forza ikbar f’pajjiżna, se nkun qed nagħmel ħilti kollha sabiex il-ħaddiema sħabi Maltin u Għawdxin jerġgħu jsibu l-milja tagħhom fl-opportunitajiet li Gvern Nazzjonalista jkun kapaċi joħloq għal kulħadd.

F’dan il-kuntest tajjeb li ngħidu li dak kollu li kien imwiegħed qabel l-2013, bil-qerda tal-prekarjat u kwalita’ ta’ ħajja aħjar, kien kollu ħolm li sfuma fix-xejn għall-maġġoranza tal-ħaddiema Maltin. Tajjeb ngħidu li hemm ftit eluf li sabu xortihom u qed jimpalaw il-liri bl-addoċċ għax huma minn ta’ ġewwa sew. L-isfortuna hi li hawn min qed jibla’ u jiffanga filwaqt li l-maġġoranza tieħu l-loqom.

Apparti minn hekk, il-prekarjat żdied u żdied sew, u l-ammont ta’ mpiegi li nħolqu huma f’setturi mhux sostenibbli jew ma jħallsux kif inhu xieraq.

Nitlobkom tippruvaw tiftakru imqar f’settur wieħed ġdid tax-xogħol li nħoloq tul dawn l-aħħar tmien snin.

Ma ntikomx tort li ma tkunux tistgħu tiftakru. Dan għax ma kien hemm ebda settur ġdid. Kuntrarjament għal dak li ġara fis-snin ta’ qabel meta twaqqfu setturi ġodda fosthom il-manutenzjoni tal-ajruplani, l-qasam finanzjaju, il-qasam bankarju, teknoloġija, il-gaming, il-yachting, it-tagħlim tal-Ingliż lill-barranin, il-komunikazzjoni, teknoloġija, il-ftuħ tal-mezzi tax-xandir, it-tkabbir tal-Universita’, il-ftuħ mill-ġdid tal-MCAST, il-ftuħ tal-Istitut tat-Turiżmu (ITS), l-investiment fl-isports, l-investiment fil-Pulizija u l-Armata, il-bini tal-Isptar il-ġdid bl-investiment kollu li jġib miegħu, it-tisħiħ infrstrutturali tas-servizzi essenzjali f’pajjiżna, it-tisħieħ u t-tkabbir tal-qasam turistiku, il-qasam tal-cruise liners, il-Malta Freeport u d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropeja.

Dawn huma biss ftit minn dak kollu li għamel il-Partit Nazzjonalista u li permezz tiegħu offra opportunitajiet tad-deheb lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Opportunitajiet, li permezz tagħhom, il-ħaddiema Maltin sabu okkażjonijiet ta’ xogħol li jħallsu tajjeb, li jtihom sodisfazzjon u li joffrilhom kwalità ta’ ħajja aħjar. Dan huwa dak li nerġgħu niggarantixxu mill-ewwel ġurnata li nkunu fil-Gvern.

Il-Partit Nazzjonalista se jkun kapaċi joħloq niċeċ ġodda. Se jkun kapaċi joħloq ambjent fejn l-imprenditur isibha faċli sabiex jinvesti f’pajjiż serju u b’saħħtu, b’reputazzjoni mill-aqwa fejn in-negozju jsir ma’ nies serji u tal-affari tagħhom. Se jkun kapaċi jerġa’ jnissel fiduċja fil-ħaddiema tagħna u fil-ħiliet tagħhom. U ta’ dan għandna x’nuru ta’ x’kapaċi nagħmlu.

Irrid nara kull ħaddiem f’dan il-pajjiz ittejjeb il-ħajja tiegħu u tal-familja tiegħu, għax hekk jixraqlu! Mhux b’xogħol prekarjat imma xogħol sostenibli, ta’ kwalita’ u dinjita’

L-għan tagħna huwa wieħed – dak li noffru kwalità ta’ ħajja aħjar lill-ħaddiema u lill-familji tagħhom.

Bħala Partit Nazzjonalista nagħtu garanzija li pajjiżna jkun kapaċi joħloq biżżejjed impiegi ta’ kwalità li dawk kollha li jiggradwaw ma jkollhomx għalfejn jitilqu barra minn xtutna għax ma sabux dak li kienu qegħdin jistennew. Se noħolqu impiegi sostenibbli. Ma nistgħux nibqgħu biss marbutin mas-settur tal-kostruzzjoni għax, minkejja li dan huwa importanti, irridu nifirxu izjed. Ma nistgħux nibqgħu marbutin biss mal-impiegi mas-settur pubbliku ta’ xogħol mhux sostenibli. Iva, irridu li dawn mhux biss jibqgħu imma anki jiżdiedu, jiżdiedu wkoll billi noħolqu setturi ġodda fiħdan l-istess settur ta’ xogħol sostenibli li jżid il-kwalità ta’ sevizz il-poplu Malti. Iżda pajjiżna ma jistax biss jibbaża fuq dawn iż-żewġ setturi. Irridu noffru alternativi lill-ħaddiema sabiex verament noħolqu sitwazzjoni fejn ħaddiem jista’ jagħżel l-aqwa xogħol ta’ valur miżjud, li jtejjeb l-kwalità tal-ħajja tal-familja. Se jasal żmien fejn se nilħqu punt ta’ saturazzjoni. Fejn dawn is-setturi ma jkunux jifilħu iktar.

Huwa għalhekk li wieħed malajr jinnota li l-Gvern preżenti huwa nieqes mill-ideat. Huwa xott fejn tidħol innovazzjoni. Avolja jħallas il-miljuni ta’ ewro lill-eluf hekk imsejħa konsulenti, pajjiżna ma ggwadanja xejn mill-pariri li dawn taw lill-Ministri ta’ dan il-Gvern sabiex jidentifikaw setturi ġodda ta’ mpiegi.

Kulħadd jiftakar il-pompa li biha kienu ħabbru s-settur ġdid tal-crypto currency. X’ġara’ minn dan kollu? Il-kumpanija li kienet imħallsa minn dan il-Gvern sabiex tippromwovi dan il-qasam ħarbet minn pajjiżna u kollox sar duħħan. Minflokk Crypto island ġiet fantasy Island!

Barra minn dan, anke s-settur tal-koperattivi sfaxxa fix-xejn. Settur li fi żmien il-PN kien qed jiffjorixxi u jagħti ċans lill-impjegati jsiru sidien tal-post fejn huma stess jaħdmu.

Gvern ġdid Nazzjonalsita se jkun qed jerġa’ jinċentiva imperdituri ġodda Maltin li jkunu qed jagħmlu riċerka u joħolqu niċeċ ġodda. Ser ikun qed jappoġġja lil dawk li jissejħu start-ups.

Is-setturi kollha mibdija taħt Gvern Nazzjonalista saru id f’id mas-settur edukattiv. Niftakar sew li qabel beda s-settur tal-manutenzjoni tal-ajruplani, il-Gvern Nazzjonalista kien ħadem id f’id mal-MCAST u l-Univesrità sabiex jipprepara liż-żagħżagħ Maltin u Għawdxin għal dan ix-xogħol il-ġdid. U llum dan is-settur jimpjega mijiet ta’ Maltin u Għawdxin b’kundizzjonijiet u pagi li jixirqu liż-żmien tal-lum. Hekk ukoll seħħ fl-oqsma kollha l-oħra.

Sfortunatament, riċentament rajna kif il-viżjoni ta’ dan il-Gvern kienet l-importazzjoni ta’ eluf ta’ ħaddiema barranin, b’ ħafna minnhom ikunu sfruttati minn min iħaddimhom. Rajna l-importazzjoni taċ-Cheap Labour. Smajna lill-Gvern jgħdilna li dawn il-ħaddiema qed iħallsulna l-pensjonijiet tagħna! Din hi l-viżjoni ta’ dan il-Gvern. Din hi l-viżjoni ta’ min ġegħelna naħsbu li ser inkunu f’ġenna tal-art.

Barra minn hekk, il-COVID ukoll tat daqqa ta’ ħarta lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ ħafna kellhom jinbidlu u numru kbir qed jiffaċċjaw sitwazzjonijiet ġodda bir-realtajiet kollha qed jaffettwaw is-saħħa fiżika u mentali tal-ħaddiema tagħna. Dan huwa żmien fejn il-Gvern seta’ identifika niċeċ ġodda ta’ xogħol relatat ma’ ambjent, kostruzzjoni sostenibbli, ftuħ ta’ spazji ġodda, hub logistiku, esportazzjoni ta’ ideat u hiliet, intelliġenza artifiċjali, manifattura b’valur miżjud fost oħrajn. Minn dan kollu ma smajna xejn u sfortunatament ma sar xejn. .

Mhux biżżejjed li l-Gvern iħabbar li ser jagħti ftit mijiet ta’ ewro sabiex jagħmel tajjeb għat-telf kbir li sofrew tant sidien u impjegati. Kemm is-sidien, li finalment huma ħaddiema wkoll, kif ukoll l-impjegati jridu strateġija fit-tul. Iridu serħan tal-moħħ. Iridu li l-impieg tagħhom ikun sigur u se jibqa’ jiggarantilhom dħul xieraq. Iridu li pajjiżna jgawdi minn reputazzjoni eċċellenti li tiggarantixxi investimenti ġodda u allura oppotunitajiet ġodda.

Partit Nazzjonalista fil-Gvern ser jagħti każ li jinħoloq bilanċ ġust bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. Aħna nemmnu li x-xogħol qiegħed hemm biex isaħħaħ lill-ħaddiema u mhux biex il-ħaddiem jagħti ħajtu għax-xogħol. Ser nagħmlu ħilitna sabiex il-ħaddiema jkollhom is-sodisfazzjon meħtieġ u l-paga li tixirqilhom. Ser inkunu verament viċin tal-ħaddiem u nifhmu il-bżonijiet tagħhom. Dan se nwettquh mhux biss bil-kliem imma wkoll bil-fatti.

Fil-ġimgħat li ġejjin, il-Partit Nazzjonalista ser ikompli joħroġ b’numru ta’ proposti li jagħmlu ġieħ lill-ħaddiema tagħna. Nassigurakom li l-Kap Bernard Grech jixpruna lil kull wieħed u waħda minna fil-Partit Nazzjonalista biex f’dak kollu li ngħidu u nagħmlu nżommu lill-bniedem fiċ-ċentru tal-politika tagħna. Jekk nagħmlu hekk ma nfallu qatt.

Fl-aħħar net nixtieq nirringrazzja il-Fergħa kollha ta’ SĦPN li jaħdmu bl-waqfien sabiex jkunnu spalla tal-Ħaddiema, li jofru alternativi aħjar, u ta kwalita.

47 views0 comments

Recent Posts

See All

Comments


Give me your feedback!

Your feedback is essential, it will help me understand better your needs and what you really expect. I am here for you! I want to be your voice in Parliament, I want to take a new approach to ensure your concerns, your proposals and your ideas are heard. 

bottom of page