top of page

Is-Siġar m’Għandhomx Vot


Huwa fatt magħruf li l-politika ta’ dan il-Gvern huwa li jelimina mijiet ta’ siġar matura bl-iskuża li dawn qed ifixklu l-ħidma ta’ dan il-Gvern. U jekk wieħed iħares madwaru maljar jinduna li x-xenarju fit-toroq u pjazez ewlenin f’dawn l-aħħar seba’ snin inbidel minn aħdar għall-griż u iswed. Issa verament faċli li ir-risposta tkun li “Għal dik il-waħda li inqatlet żrajna 100”. Pero il-ħsieb kellu jkun insalvaw il-waħda u xorta żrajna mija! għax dik il-waħda importanti daqs il mija li żrajna! jekk vera irridu ngħattu l-impressjoni li jinteressana mill-Ambjent.

Ta’ min infakkar li fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista, inbnew toroq, pontijiet u anke tħaffru mini. Kemm jista’ jkun, id-direzzjoni kienet li nibżgħu għall-ambjent tal-madwar, siġar matura tipprova tħallihom fil-post u tħawwel oħrajn sabiex l-effett negattiv ikun mill-inqas. Ma’ dawn saru anke parks fosthom Ta’ Qali, Kennedy Grove u l-Park tal-Familja f’Marsaskala li fihom tħawwlu eluf ta’ siġar, kif ukoll l-egħluq tal-miżbla tal-Magħtab u l-passi li ttieħdu sabiex din tkun ikkonvertita f’park li jħaddar. Ittieħdu inizjattivi bħat-tree for you b’kampanja kontinwa fuq il-mezzi tax-xandir sabiex titrawwem kultura favur il-ħarsien tal-ambjent u tħawwil ta’ iktar siġar.

Irridu niżiragħu l-idea li xogħol ta kostruzzjoni u l-ambjent jridu jiżżewġu, jaqbdu id f’id. Ix-xogħol ta kostruzzjoni huwa pilastru importanti tal-ekonomija ta’ pajjiżna, u ma jistax jiġi eliminat pero.... rridu nirregenerawħ, irridu naraw kif miegħu indaħlu il-kunċett ta’ infrastruttura ambjentali. Dan jrid jkun il-kunċett il-ġdid li jinbena il-settur mill-ġdid, jrid jidħol f’kull aspett anzi jkun iċ-ċentru ta’ kif jerġa' jinbena mill-ġdid dan is-settur. Dan ser jiġenera aktar xogħol, aktar infrastruttura ħadra, aktar impjiegi u jekk nintegraw dawn flimkien aktar arja nadifa.

sfortunatament llum id-direzzjoni hija kompletament l-oppost.

Donnu sar eħfef li tqaċċat kull ma ssib quddiemek biex twessa’ triq jew tħaffer mina minflok naraw kif nistgħu nintegraw flimkien l-ambjent u ix-xogħol li hemm bżonn li jsir. Kemm kien jkun iżbaħ naraw l-esperti u l-konsulenti tal-Ministeru tat-Toroq jħabblu moħħhom sabiex jaraw li jekk hemm siġar ta’ kważi mitt sena, u kif ser jibqgħu parti integrali mill-proġetti l-ġodda, sfortunatament is-soluzzjoni tkun li tqaċċat kull ma hemm itellef!

Kull min joħroġ mid-dar u jgħammel idejħ fuq il-kuxjenza jinduna li dan li qed ngħid huwa minnu. Ħarsu lejn in-niżla tal-Addolorata, Għexieren ta’siġar taċ-ċipress twal erba’ sulari ġew imqaċċta biex twessgħet in-niżla u saret bankina wiesa daqs korsija. Kemm kien jkun iżbaħ li fuq dik il-bankina u l-ħittan niġenerraw l-idea ta infrastruttra ħadra, Bankina li fuqha faċilment setgħu reġgħu tħawwlu numru ta’ siġar it-tul kollu, jew living walls...

Fil-Bypass tal-Mellieha, wara li dan it-triq ġiet qiesha wave pool, u sa issa ma tranġatx, żeragħu 6 siġar... sitta! tifhimniex ħazin li sar xi ħaġa minflok xejn huwa tajjeb... pero huwa ċar li dawn saru bħala tattika pubbliċitarju biex nippruvaw ngħattu ix-xemx bl-għarbiel.

Ħarsu ftit lejn il-bypass ta’ Santa Luċija fejn tqaċċtu s-siġar kollha biex issa wkoll hemm triq b’bankina wiesa li jkun jista’ jgħaddi trakk minn fuqha. Triq li qabel kienet mimlija siġar matura u li llum m’hemm xejn fiha ħlief konkos u tarmak.

Ħarsu ftit lejn Pjazza Kastilja, fejn tqaċċtu s-siġar li kien hemm biex issa m’hemm xejn għajr erba’ pjanti jiġru l’hawn u l’hinn. L-aqwa li kullimkien madum!


Ħarsu ftit lejn l-isfreġju li qed isir fil-proġett tas-Central Link. Tant siġar li ilhom inħaddru u jsebbħu dan l-inħawi għal għexieren ta’ snin li issa flok raw kif għamlu u jintegra kemm jista’ jkun minn dawn is-siġar f’dan il-proġett, għattew kollox sabiex ikunu jistgħu qaċċtuhom u ma jagħtux fil-għajn! Saħansitra siġra sinonima ma’ dan l-inħawi tqaċċtet dakinhar li l-Ministru tal-Finanzi kien qed jaqra l-Baġit fit-8 ta’ filgħaxija.

Hemm bżonn li l-ħdura tas-siġar nibqgħu narawha biss fuq programmi ambjentali ta’ stazzjonijiet barranin? Kif jista’ jkun li f’dan il-Gvern m’hawn ħadd li għandu kultura ambjentali? Kif jista’ jkun li pajjiżna jibqa’ jitlef mijiet ta’ siġar matura biex imbagħad jinbidlu ma’siġar twal tletin ċentimetru? Kif jista jkun li ERA ma sabbatx saqajha u tessieġi li dan li qiegħed ngħid jien jseħ? Kif jista’ jkun li mhux jindunaw li nistgħu inkattru iżjed xogħol ta valur miżjud, fejn il-ħaddiema jitħallsu pagi aħjar, f’kondizzjonijiet itjeb.

Dawn huma ftit mistoqsijiet sabiex inqajjem kuxjenza. Sabiex almenu nibżgħu għal dak li għandna u li ħa ammont ta’ snin biex kiber u żviluppa. Sabiex pajjiżna jerġa jibda jħaddar mhux fil-qlub, iżda fil-pjazez u t-toroq tagħna. Donnu li sirna nikkuntentaw bil-blokok telgħin fuq xulxin li kissru kull estetika fl-irħula Maltin u Għawdxin.

Nistaqsi lil kull wieħed u waħda minnkom – X’pajjiż tixtiequ tħallu għal dawk ta’ warajkom?

13 views0 comments

Recent Posts

See All

Comments


Give me your feedback!

Your feedback is essential, it will help me understand better your needs and what you really expect. I am here for you! I want to be your voice in Parliament, I want to take a new approach to ensure your concerns, your proposals and your ideas are heard. 

bottom of page