F’wieħed mill-messaġġi tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Dr Bernard Grech talab għall-maturità politika. Spjeġa tajjeb ħafna li llum, iżjed minn qatt qabel, hemm bżonn ta’ politiċi maturi li, minflok jaħlu l-ħin jgħajru l-Oppożizzjoni, jużaw dan il-ħin sabiex jagħmlu l-ġid.
Fl-ewwel laqgħa bejn Dr Bernard Grech u l-PM, il-PM Robert Abela tratta din il-laqgħa, li suppost kellha tkun waħda kordjali, bħala ġlieda politika bejnu u bejn il-Kap. Kull meta Dr Bernard Grech ħareġ l-id ta’ ħbiberija, il-PM Robert Abela ma aċċettax. Din hija xi ħaġa li verament tinkwetani u tweġġagħni. Il-poplu hemm barra ma jridx iżjed din it-tip ta’ politika, ma jridx iżjed din it tip ta’ arroganza. Il-poplu għejja minn din it-tip ta’ politika dilenttanteska, għejja jisma’ politiċi arroganti, qiegħed jiddejjaq min-neputiżmu eżaġerat u ddejjaq jiġi ttrattat bħala talab! U ngħid hekk għax illum ġejna f’sitwazzjoni fejn jekk trid xi ħaġa jkollok bilfors tmur tittallab, kemm jekk għandek dritt kemm jekk le.
Huwa inkredibbli kif f’dawn is-snin li ilu fil-poter, dan il-Gvern sar jara lil kulħadd dubbien u ma jaċċetta l-ebda kritika. Anzi spiċċajna f’sitwazzjoni fejn minn jazzarda jikkritka l-operat jaf isib ruħu mżeblaħ u mgħajjar fuq il-mezzi soċjali u fuq l-istazzjonijiet tal-Partit Laburista. Partit li għandu orkestra ta’ nies imqabbdin apposta u li jaħdmu fil-qrib mal-esponenti tal-Labour biex jinfexxu jattakkaw u jkissru lil kull min jeħodha kontra l-Gvern.
Meta ma tkunx kapaċi tisma’ l-kritika, b’mod speċjali meta tkun kostruttiva u mżewqa bi proposti, ifisser li mhux lest li tikber, li ttejjeb fl-opperat tiegħek. Dak li suppost hu l-Gvern ta’ kulħadd, għandu obligu li jisma’ l-kritika ta’ kulħadd u jirranġa fejn hemm bżonn.
Kif tista’ ssejjaħ lilek innifsek pożittiv u trasparenti? Kif tista’ ssejjaħ lilek innifsek Gvern li jisma’ meta tisma’ biss dak li jaqbilek u li trid int biss? Kif tista’ tkun verament pożittiv meta tfittex biss il-ħażin fil-pariri u kritika li jippreżentawlek? Dawn mhux affarijiet li jixirqu lil dan il-pajjiz u wisq inqas lill-poplu Malti u Għawdxi! Le ma Jixraqilniex!
Ma jixirqilniex li twiegħed li ssir ġustizzja ma’ min tilef lil xi ħadd għażiż innoċenti u mimli ħajja tort tar-regħba u l-iżvilupp bla rażan u bla kontroll li u ma tagħmel xejn ma sal-lum.
Ma jixirqilniex li flok tara kif se ssalva s-siġar li għandhom mijiet ta’ snin, tqaċċat kollox bla ebda każ għall-ambjent tal-madwar u għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
Ma jixirqilniex li jkollna Gvern li jibża’ mill-verita’, li jrid iwaqqaf inkjesta pubblika li qed tikxef il-korruzzjoni rampanti u l-mafja li teżisti. Inkjesta li qed tipprova tistabilixxi x’seta’ sar sabiex jiġi evitat l-assassinju ta’ ġurnalista li d-demm tagħha għadu fuq idejn dawk kollha involuti direttament u indirettament fil-qtil tagħha.
Ma jixirqilniex li titmejjel bil-ħaddiema tal-AirMalta, timlilhom rashom li l-kumpanija waslet biex tagħmel il-qliegħ meta fil-verita’ tkun wassalthom fl-abbiss u tkeċċi 69 minnhom waqt li tipprova titfa’ l-falliment tal-politika tiegħek fuqhom.
Ma jixirqilniex li waqt pandemija timla lin-nies b’ħafna tama fierħa u li kollox ġej għan-normal sa Mejju, ngħamlu statments ta’ “Business as Usual” meta din il-ġimgħa kellna l-ogħla ammont ta’ kazi u sa issa jitilfu ħajjithom mal-227 persuna kawża tal-istess pandemija, b’eluf oħra infettati u eluf oħra fi kwaranitina. Dawn mhux ir-rekords li niftħaru bihom! Kif jist jkun li nigu lura għan-normal sa Mejju meta pajjizna jidependi fuq pajjizi oħra fid-dinja? Kemm bħala turizmu kif wkoll bħala esportazjoni!
Ma jixirqilniex li bir-rata li għadejjien, il-poplu malti u Għadwxi ser jkollu jistena’ sa Junu ta 2022 sabiex kull persuna jieħu l-vaċin! U dan huwa kalkolu modest ħafna. Għallura kif qatt jista jkun li jkunu business as usual sa Mejju?
Ma jixirqilniex li biex ma tirrikonoxxix li kien il-PN li ppropna l-ħruġ tal-vouchers. Anzi l-PN kien redikolat u mżeblaħ għax ħareġ b’din il-proposta.
Ma jixirqilniex li ma tirrikonoxxix li kien il-PN, flimkien ma’ oħrajn, li qalulek li l-għajnuna li kien se jagħti l-Gvern ta’ €300 lil dawk li kienu għaddejjin minn diffikultajiet fuq il-post tax-xogħol ma kinitx biżżejjed.
Ma jixirqilniex li tajna l-isptarijiet tal-poplu b’xejn lil xi ħadd li m’għandux idea ta’ kif jitmexxa sptar. Ma jixirqilniex li taf li kien hemm tberbieq ta’ għexieren ta’ miljuni mit-taxxi tal-poplu li marru fil-bwiet ta’ individwi bla dehen u ma tridx treġġa’ dawn l-isptarijiet lura.
Il-lista tant hi twila li taqtagħlek nifsek u tinkwitak. Il-ħsara li qed issir lil dan il-pajjiż u lil dan il-poplu hija rreparabbli. Dan il-poplu jixraqlu ħafna aħjar qabel ikun tard wisq.
Comments