Din il-ġimgħa kelli l-opportunità sabiex naqra l-istudju tal-Caritas "A Minimum Essencial Budget for a Decent Living". Dan huwa studju dettaljat immens li hemm bżonn li kull politiku jiftaħ u jaqra. F’dawn l-erba’ versi senipprova nagħmel sommarju tal-punti li naħseb li huma kritiċi u li kulħadd għandu jkun konxju minnhom. Ħafna drabi dawn neħduhom minn awl id-dinja u/jew nisimgħu l-gvern jagħti spjegazzjoni fqira għalfejn dan mhux il-verità.
Ma nafx intom, imma jien għajjejt nisma' l-Gvern jipprova jiġġustifika l-iżbalji tiegħu minflok jaċċetta u jipproponi flimkien ma' partijiet konċernati u jsolvihom! Għajjejt nisma' skuża waħda wara l-oħra ta’ kif kollox tort ta’ dak u tal-ieħor imma qatt tal-Gvern stess. Għajjejt nisma' l-Gvern jiġġustifika żbalji li qed inkomplu nħallsu għalihom aħna l-ħaddiema. U biex titfa' il-melħ fuq il-ferita', taqra rapport bħal dan tal-Caritas fejn tara kif verament il-Gvern, mhux biss tilef il-boxxla soċjali, imma nqata’ mir-realta' u m’għadux iħoss il-polz tal-poplu. U l-poplu qiegħed jinduna.
Il-Figuri
Dan ir-rapport jagħti fid-dettall figuri kemm jiswa "il-Basket" ta' bżonnijiet essenzjali sabiex familji jkunu jistgħu jgħixu ħajja diċenti f'pajjiżna llum. Fost oħrajn dan jinkludi:
· Ikel
· ħwejjeġ
· kura personali
· bżonnijiet tas-saħħa
· bżonijiet tad-dar (manutenzjoni, servizzi, kura u ħasil tal-ħwejjeġ)
· Edukazzjoni, kultura u rigali
· Trasport
· Akkomodazzjoni.
Meta tħares lejn dawn, żġur li tgħid li dawn huma affarijiet ta' kuljum u li kull persuna għandha jkollha sabiex tgħix ħajja diċenti.
Però trid tgħid ukoll li llum kull familja tal-inqas irid ikollha wkoll mobile, karozza u laptop. Illum li jkollok laptop sar bżonn. Naraw ftit is-sitwazzjoni li qegħdin fiha aħna bħalissa bit-tfal jagħmlu l-home schooling fejn ħafna minnhom ma kellhomx biex jaħdmu. Naf għax jien kelli l-opportunità flimkien mat-team tiegħi li ngħin u nagħti numru ta’ laptops użati lil dawk li ma kellhomx . Tajjeb li ngħidu li dawn huma familji li infurmaw lid-Dipartment tal-Edukazzjoni u baqgħu b'xiber imnieħer.
Fir-rapport tal-Caritas insibu li dawk li huma l-aktar fil-periklu tal-faqar m’humiex biss ġenituri li jgħixu weħidhom u anzjani ta’ ‘l fuq min 65 sena, imma wkoll koppji miżżewġa li għandhom żewġt itfal jew iżjed. Biex nagħti ftit figuri, ġenituri weħidhom jammontaw għal 51.7% fil periklu ta’ faqar u dawn iridu tal-inqas €12,938 fis-sena sabiex ikollhom biżżejjed għall-basket propost! Jekk ġenitur waħdu jaqla’ l-paga minima, dan ikun qed jieħu €9325.20, u jekk iżżid l-"in work benifit" ta’ ġenitur waħdu, dan l-ammont li jkun qed jieħi jitla’ għal €10,625.20 li huwa 82% biss tal-ammont li għandhom bżonn sabiex jgħixu ħajja diċenti!
Min-naħa l-oħra, anzjani li jammontaw għall-32.8% ta’ dawk fil-periklu ta’ faqar u esklużjoni soċjali, jridu €22,000 fis-sena jekk jgħixu f'post bil-kera. Il-pensjoni massima hija ta' €16,129 u dan huwa 27% inqas minn dak li hemm bżonn!
Illum insibu demografija ġdida ta' ħaddiema li għandhom bżonn għajnuna u attenzjoni. Din il-faxxa ta’ nies li tgħix fl-"in-work poverty" illum mhux biss teżisti imma qiegħda tikber! Dawn il-ħaddiema, minkejja li qegħdin jaħdmu, mhux qegħdin jaqilgħu l-paga neċessarja sabiex jegħlbu il-povertà. Mhux qed ikollhom biżżejjed sabiex biex jgħixu ħajja diċenti.
Trid taqra biex temmen!
Is-sitwazzjoni fil-pajjiż mhux feliċi u, ejja inkunu realistiċi, ilha ma tkun għal ammont konsiderevoli ta' ħaddiema. Rajna u smajna ta' kuljum kif il-ftit iffangaw, kif dan il-Gvern biegħ lil pajjiżna u lill-ħaddiem nsieh. Il-Caritas għamel studju fejn sabet li eluf ta' ħaddiema, li dan il-Gvern nesa kompletament, jixirqilhom aħjar. Dawn ħutna Maltin u Għawdxin irridu naraw li ngħinuhom iqumu fuq saqajhom. Din hija risponsabbilità ta' kull politiku. Ma nista’ naċċetta qatt li
· 28,162 ma jaffordjawx jieklu laħam , ħut jew tiġieġ iżjed minn darba fil-gimgħa.
· 37,564 ma jaffordjawx isaħnu darhom
· 10,910 ma jaffordjawx karozza
· 86,711 ma jaffordjawx ibiddlu għamara mkissra
· 18,609 ma jaffordjawx jixtru ħwejjeġ
· 18,799 m’għandhomx żewġ pari żraben li jiġuhom
· 8,953 m’għandhomx internet!
Dan mhu aċċettabbli QATT illum il-ġurnata.
Imma la jien u lanqas ħadd ma hu ser itejjeb is-sitwazzjoni ta' dawn in-nies billi nsemmi s-sitwazzjoni kif inhi. Għalkemm parti mis-soluzzjoni għal dawn l-isfidi hija li nagħrfuhom, u grazzi għall-Caritas għal dan l-istudju eċċellenti, nistgħu nifhmu iżjed kif nistgħu nsolvu dawn il-problemi. Irridu noħolqu proposti, ideat u riżorsi sabiex verament neqirdu l-faqar, u nikrejaw ħajja aħjar għall-ħaddiema Maltin u Għawxin.
Biex inkunu Gvern alternattiv il-poplu mhux biss irid jemmen li l-PL mhux kompetenti sabiex imexxi dan il-pajjiż, imma li aħna, il-Partit Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Dr. Bernard Grech, nuru li għandna l-kwalitajiet li nagħmlu dak li ma kinux kapaċi jagħmlu l-PL, li nkunu onesti mal-poplu, li nitkellmu u naċċettaw fejn hemm bżonn jinbidel, li nisimgħu u naħdmu flimkien ma' partijiet interessati sabiex noħolqu soluzzjonijiet.
Billi mmaqdar żgur mhux ser ngħin dawn l-eluf ta’ ħaddiema li għandhom bżonn l-għajnuna. Bil-paroli mhux ser intejjeb is-sitwazzjoni tagħhom u bil-paroli ma nistax noħloq ħajja diċenti għalihom u għal uliedhom. Il-problemi ta' dawn in-nies nistgħu biss insolvuhom billi noħolqu pjan, ikollna viżjoni ċara fejn irridu mmorru u kif ser naslu. Pjan ta' kif jista' jikontribwixxi kull ħaddiem Malti u Għawdxi sabiex flimkien noħolqu kwaità ta’ ħajja aħjar għalina u għal uliedna. Irridu ntejbu r-reputazzjoni ta' pajjiżna billi jiġi ġġenerat ambjent fejn għal darb’oħra l-investituri, kemm lokali kif wkoll barranin, ikollhom il-fiduċja li jinvestu fil-ħiliet tagħna. Irridu ninvestu fil-bżulija tal-ħaddiem Malti, fl-idejat tal-Maltin u l-Għawdxin u noħolqu setturi ta’ valur miżjud sabiex inkunu nistgħu ngawdu iżjed dak li hu l-aktar għażiż għalina. Irridu noħolqu stabbiltà għall-ħaddiem, li noħolqu mezz ta’ kif dan jista' jtejjeb ix-xogħol tagħhom kif ukoll il-pożizzjoni tagħhom sabiex ikun jista' jgawdu iżjed il-familja tiegħu. Diġà ħloqna ammont ta' proposti għax il-Partit Nazzjonalista ma jiqafx jiddiskuti u jifhem aħjar kif jista’ jtejjeb il-ħajja tan-nies. Ħloqna l-Clusters u għalhekk se noħolqu iżjed ideat sabiex int tieħu dak li ħaqqek, dak li s’issa ħafna ma kellhomx...kwalità ta' ħajja aħjar.
Din hi l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista. Din hi l-viżjoni ta’ kif nistgħu nkunu aħjar.
Comments