Bla dubju, l-għalliema huma fost l-iktar persuni importanti fis-soċjetà. Jiżirgħu it-tama fl-istudenti, jagħtuhom skop, jippreparawhom sabiex isiru ċittadini eżemplari u jispirawhom biex ikunu ta’ suċċess fil-ħajja.
L-għalliema għandhom rwol fundamentali bħala l-persuni li qegħdin fuq quddiem f’kull sistema edukattiva. Ir-rwol tagħhom mhux sempliċiment li jaqsmu t-tagħrif jew jgħaddu l-informazzjoni lill-studenti, iżda jmur lil hinn minn hekk. Huma jridu joħolqu ambjent ta' tagħlim stimulanti biex jiżguraw li l-istudenti kollha jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom. Huma l-mudell għall-istudenti tagħhom li, konxjament jew subkonxjament, jimitaw l-imġieba tagħhom. L-għalliema jnisslu l-valuri u l-morali li jinfluenzaw il-ħajja tal-istudenti tagħhom. Hija r-responsabilita’ tal-għalliema li jifhmu l-bżonnijiet tal-istudenti anke barra mill-iskola u hija r-responsabilita’ tagħhom li jieħdu ħsiebhom u jgħożżuhom.
Dak li t-tfal jitgħallmu meta jkunu żgħar jibqgħu jġorruh magħhom tul ħajjithom u eventwalment jużaw dak it-tagħlim biex ikunu ta’ influenza fis-soċjetà. L-għalliema jġorru r-responsabiltà li huwa propju huma li qegħdin joħolqu l-mexxejja t’għada fl-aqwa interess tas-soċjetà u allura jibnu l-ġenerazzjonijiet tal-futur. Huwa għalhekk li l-għalliema għandhom il-binja tas-soċjetà fuq spallejhom. Huwa għalhekk ukoll li jien inqis din il-professjoni bħala waħda mill-iktar importanti fid-dinja, għax l-għalliema jħallu impatt fuq it-tfal u għaldaqstant għandhom is-saħħa li jbiddlu l-ħajja tan-nies. L-għalliema f’kull qasam tal-ħajja u ta’ kull suġġett għandhom il-fakultà li jsawru l-opinjonijiet u jgħinu lill-individwi jiffurmaw ideat dwar is-soċjetà, il-ħajja u l-għanijiet personali. Huma jistgħu wkoll jespandu l-limiti tal-istudenti u jixprunaw il-kreattività tagħhom.
L-għalliema f’pajjiżna jibqgħu l-ewwel u l-akbar investment għal edukazzjoni tajba u ta' kwalità. Qegħdin jadattaw għal normi differenti u qed jilqgħu sfidi ġodda b'entużjażmu biex jirrispondu għal realtajiet soċjali ġodda u stili ta' ħajja differenti. Dan mhux faċli peress li l-isfidi fis-soċjetà tal-lum huma ħafna u huma varji.
Ir-relazzjoni bejn l-għalliema u l-istudenti hija ferm importanti u sensittiva. Din trid tkun mibnija fuq pedament sod li tibda minn rispett reiproku kif ukoll fuq l-ogħla standards ta' etika. L-istess jingħad għar-relazzjoni bejn l-għalliema u l-membri l-oħra tal-komunità tal-iskola li tinkludi fost oħrajn l-amministrazzjoni, professjonisti oħra u l-ġenituri.
Dan kollu jwassalni biex ngħid li waħda mill-iktar karatteristiċi importanti fit-tagħlim hi d-dedikazzjoni. L-għalliema mhux biss jisimgħu imma wkoll jiggwidaw u jmexxu lill-istudenti tagħhom. Dan jagħmluh mhux biss waqt il-ħin tal-iskola, iżda saħansitra anki wara l-ħin tal-iskola bi preparamenti għal-lezzjonijiet kif ukoll b’komunikazzjoni kontinwa mal-ġenituri. Għaldaqstant ix-xogħol tal-għalliema ma jiqafx mad-daqq tal-qanpiena. Barra minn hekk hija l-passjoni biex jgħallmu u x-xewqa li jagħtu servizz fl-aħjar interess tal-istudenti li jwassal lill-għalliema biex ikomplu jistudjaw u jiżviluppaw fil-professjoni tagħhom. L-iżvilupp professjonali huwa ċ-ċavetta għal żvilupp fil-karriera u servizz ta’ edukazzjoni ta’ kwalità.
Barra minn dan kollu, l-għalliema għandhom rwol importanti fl-iżvilupp ekonimiku tal-pajjiż peress li huma l-għodda ewlenin li kapaċi jiżviluppaw il-produttività u l-kreattività fit-tfal, u allura tal-ħaddiema futuri. Huwa għalhekk li jiddispjaċini meta nara f’pajjiżna Gvern li jqis lill-għalliema tagħna bħala sempliċiment babysitters. Dan rajnieh b’mod ċar fl-aħħar kwistjoni li kellu magħhom fejn, minkejja n-numri inkwetanti dejjem jogħlew ta’ każi attivi ta’ Covid 19 f’pajjiżna u minkejja l-parir li kellu mill-awtoritajiet tas-saħħa biex l-iskejjel ma jiftħux immedjatament wara l-btajjel tal-Milied, huwa xorta ried li l-iskejjel jiftħu l-bibien tagħhom u rrifjuta l-proposta li t-tagħlim isir b’mod virtwali għall-ewwel jumejn. Dan kompla jurih biċ-ċar meta hedded lill-għalliema li ma jitħallsux jekk it-tagħlim isir online. Mhux ta’ b’xejn li l-għalliema ħassewhom offiżi b’din l-istqarrija għaliex ma jħossux li hu ġust li huma jiġu trattati daqslikieku huma babysitters. Min hu ta’ rieda tajba jaf li l-għalliema ħaqqhom ħafna iktar minn hekk.
Waqt li qed nikteb dwar it-tagħlim online, ma nistax ma ngħidx li pajjiżna hu xxurtjat li hu mgħammar b’għalliema li huma ppreparati, lesti għal kull eventwalità anki jekk jiġi mkasbar, kif fil-fatt kien dan l-aħħar. Ngħid dan għax, minn meta feġġet il-pandemija, għadd sostanzjali ta’ għalliema qalbu għat-tagħlim online mil-lejl għan-nhar, mingħajr preparazzjoni u mingħajr l-infrastruttura mhejjija min-naħa tal-Ministeru tal-Edukazzjoni.
Permezz ta’ dan il-messaġġ qasir nixtieq nieħu l-opportunità biex nirringrazzja minn qalbi lil għalliema u lil dawk kollha li qed jagħtu kontribuzzjoni siewja u bla ħafna daqq ta’ trombi fil-qasam tal-edukazzjoni. Il-passjoni u d-dedikazzjoni tagħhom hija imprezzabbli u għandha tkun waħda ta’ min ifaħħarha.
Comments