Nistedinkom taqra l-aħħar żewġ manifesti elettorali tal-Partit Laburista kemm tal-2013 kif ukoll tal-2017, iddeċidu dwar il-lakuni, il-gideb u l-qerq li fihom u qabblu sew dak li ġie mwiegħed ma’ dak li filżfatt sar.
Fil-manifest tal-2013 f’paġna 42 punt 15, il-partit Laburista wiegħed li se jeradika prattiċi ta' xogħol prekarju.
“Niskwalifikaw milli jipparteċipaw f’offerti għal xogħlijiet tal-Gvern lil dawk il-kumpaniji li ma josservawx il-kundizzjonijiet u d-drittijiet stipulati fil-liġi jew li jużaw sistematikament prattiċi relatati max-xogħol prekarju.”
Fil-manifest 2017 f’paġna 31 punt 3, il-Partit Laburista għamel il-wegħda ta’ paga ndaqs għall-istess xogħol magħruf aħjar bħala “Equal Pay for Equal Work”
“il-kunċett ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali huwa valur fundamentali ta’ ġustizzja li nemmnu fih. Ħadd m’għandu jiġi sfruttat u mħallas inqas minn min jagħmel l-istess xogħol, bla raġuni. Gvern ġdid immexxi minn Joseph Muscat ikompli jaħdem biex dan il-valur jitqiegħed fil-prattika bħala l-pass naturali li jmiss wara li wettaq riformi importanti biex jindirizza l-prekarju matul dawn l-erba’ snin. Għalhekk, kull min jagħmel l-istess xogħol, fl-istess kumpanija għandu jgawdi dan il-prinċipju. Gvern ġdid se jkun impenjat li mhux biss jilleġiżla f’dan ir-rigward iżda wkoll li jsaħħaħ l-istrutturi ta’ infurzar.”
Dawn iż-żewġ wegħdi li huma simili ħafna saru bil-miktub. Waħda tgħid li l-PL se jeqred il-prattiċi tax-xogħol prekarju u se jidiskwalifika kull tender fejn jeżisti xogħol prekarju, waqt li l-oħra tgħid li l-ħaddiema kollha li jagħmlu l-istess xogħol se jitħallsu l-istess paga. Dan fih innifsu jekk MHUX rispettat huwa tip ta’ prattika prekarju.
Nagħmlu fast forward u naslu għall-baġit ta’ din is-sena fejn il-Gvern wiegħed lill-impjegati kollha mal-kuntratturi li jingħataw offerti jew tenders biex jaħdmu mal-Gvern b’paga doppja għax jaħdmu nhar ta’ Ħadd. Meta tismagħha wieħed bħallikieku jaħseb li qed jagħtuhom xi tip ta' premju jew rigal meta fil-fatt din hija l-liġi.Nazzarda ngħidlek ukoll biex taqra kull ordni ta' regolamentazzjoni tax-xogħol fil-liġi industrijali Maltija u ara liema ħaddiem f'dan il-każ mhux INTITOLAT li jitħallas doppju nhar il-Ħadd. Mela allura l-Gvern mhu qed jagħti xejn speċjali għax DIN HIJA L-LIĠI! Dan huwa dritt tiegħek u minn dejjem hekk kien. Mela kien dan il-Gvern li kien qed jiċħdek minnu għal dawn l-aħħar 8 snin...
Mela issa, wara 8 snin jisirqek, il-Gvern sa fl-aħħar tak dak li minn dejjem kien tiegħek...il-Ħadd doppja. Imma xi ngħidu mit-Tnejn sas-Sibt? Dawn insihom il-Gvern?
Għalfejn qiegħed ngħid hekk? Mela l-impjegati li jagħmlu l-istess xogħol ma jistħoqqilhomx jitħallsu l-istess? Hekk wiegħed il-PL fl-2017, iżda għal darb’oħra MA ŻAMMX IL-KELMA TIEGĦU! Fittixha, hemm qiegħda,iswed fuq l-abjad f'paġna 31... u hija ffirmata!
Imma stenna ftit... bl-istess kliem ta' dan il-Gvern li wiegħed li jeqred ix-xogħlijiet prekarji u jiskwalifika tenders li ma kinux qed josservaw id-drittijiet stipulati mil-liġi, bl-azzjonijiet tiegħu stess, il-Gvern kien jaf li kien qed jieħuvantaġġ mill-impjegati għax dawn ma kinux qed jiġu imħallsa b'mod korrett u xorta mhux qiegħdin jitħallsu l-istess bħall-impjegati tal-Gvern. Mhux talli l-offerenti ma ġewx skwalifikati, imma tħallew ikomplu jiddiskriminaw kontrihom billi ma jħallsux l-istess pagi bħal ħaddieħor li qegħdin jagħmlu l-istess xogħol. U dan kollu bl-approvazzjoni tal-Gvern!
Illum nistgħu nikkonkludu li bla ebda dubju dan il-Gvern mhux biss gideb u qarraq b’kull min ivvutalu, mhux biss ma żammx ikelmtu, imma jibqa’ jqarraq bl-elettorat, jagħmel wegħdi vojta magħmulin biss minn kliem sabiħ u li m’għandu l-ebda ħsieb li jżomm. Dan il-Gvern fil-fatt qed iħalli lill-kumpaniji li qed jagħtu t-tenders jiksru l-liġi u allura qed jikser il-liġi hu stess!
Mela meta l-Gvern imur fuq l-istazzjon nazzjonali, li issa sar magna tal-propoganda tal-PL, u jipprova jbellagħielna li wettaq dak kollu li wiegħed meta jigdeb f’wiċċna u jgħidilna li se jżomm kelmtu, meta jgħid li se jagħti ħajja aħjar lil kull bniedem, ħajja ta' aktar kwalità... issa taf x’inhi l-verita... li dan mhux Gvern li jżomm kelmtu, li dan mhux Gvern li jippjana, li dan mhux Gvern li verament jagħmel dak li jgħid li ser jagħmel.
Li tista’ tkun żgur però hu li dan il-gvern se jagħmel ħafna pompa u riklami fuq dak li jgħid li se jagħmel. U dan jagħmlu bit-taxxi tiegħek u tiegħi, jimmanipulak, iwiegħdek id-dinja iżda ma jagħtik xejn lura. Se jipprova jġiegħlek temmen li qed jagħtik impjieg mal-Gvern imma fil-fatt ma jagħtik xejn ta' dan it-tip. Se jipprova jġiegħlek temmen li b'dan ix-xogħol se jkun qed itejjiblek il-kwalità tal-ħajja, imma fil-verità se jkun qed jagħmilielek agħar. Se jipprova jġiegħlek temmen dak kollu li qal għax jinteressah biss li temmnu sakemm tidħol tivvotta. Wara l-elezzjoni tibdas tara ħafna kliem sabiħ u riklami fuq il-media soċjali b’ħafna skużi għalfejn ma jistax jagħmel dak li wiegħed. Hemm ikun wasal il-waqt li jipprova jġiegħlek temmen li dak li wiegħed ma ngħatax lilek minħabba l-oppożizzjoni, l-UE, gvernijiet oħra...imma qatt minħabba l-inkompetenz tiegħu. Hemm żgur mhux se jgħid li QATT ma kellu l-ħsieb li dik il-wegħda jwettaqha.
Fi kliem sempliċi mhux biss dan il-Gvern mhux qed jara li l-liġijiet industrijali m’humiex imħarsa (f’kelma waħda dawn il-liġijiet qegħdin jinkisru) iżda qed iħalli lill-kuntratturi li qed jagħmlu offerti u qed jiksru l-liġi jagħmlu dan bl-approvazzjoni tal-istess Gvern. Kif qatt tista’ tafdah?
L-unika wegħda li nżammet kienet il-wegħda tal-kontinwità. Bdew jigdbu lill-ħaddiema u jkomplu jigdbu lill-ħaddiema.
Comments